Ix-Xogħol


Ix-xogħol

Il-grupp Opening Doors twaqqaf f’Malta f’Marzu 2008 fi ħdan il-proġett ‘Opening Doors’: partnership Ewropew (Grundtvig) bejn Il-Kavallier ta’ San Ġakbu f’Malta, Headway Theatre Arts fl-Ingilterra, u Leopoldsburg Cultureel Centrum fil-Belġju. Fl-ewwel sentejn tal-iżvilupp tagħna ltqajna mal-atturi partners tagħna li kienu qegħdin jaħdmu fil-pajjiżi l-oħra.
Għal iktar dettalji dwar dan iż-żmien fl-istorja tagħna tista’ taqra:
www.grundtvigopeningdoors.blogspot.com .

Tlajna kemm l-Ingilterra, kif ukoll il-Belġju. 
Meta tlajna l-Belġju kien lejn l-aħħar tal-proġett Grundtvig. Konna żviluppajna biżżejjed biex nibnu xogħol teatrali li kellu sens ta’ narrattiva. Tista’ tara parti minn dan ix-xogħol teatrali hawnhekk : http://www.jeroenpeys.be/TRANSFER/OPENINGDOORS/ (iklikkja fuq ‘performances’). Biex tara il-mod ta’ kif ħdimna mal-partners tagħna meta konna l-Belġju tista’ tikklikkja fuq il-video ‘workshops’ li jinsab f’din il-link: http://www.jeroenpeys.be/TRANSFER/OPENINGDOORS/ .

F’Jannar 2010 bdejna naħdmu hawn 
Malta bis-sapport tal-Malta Arts Fund u l-Kavallier ta’ San Ġakbu, biex inkomplu fl-iżvilupp tax-xogħol artistiku tagħna. F’Marzu ppreżentajna xogħol ġdid, ‘L-iljun ikkonvertit’, lill-pubbliku ta’ ħbieb u familja. L-għan ta’ din il-parti tal-proġett kien li nkomplu niżviluppaw l-iskills ta’ narrattiva u rwoli teatrali, kif ukoll li nidraw nirreċtaw quddiem udjenza intima. Kienet l-ewwel darba li ħdimna wkoll fil-qasam tal-produzzjoni, fejn ħloqna l-kostumi u l-props aħna stess. 
Fl- aħħar weekend ta’ Novembru 2010 tellajna il-performance ‘Moi et Nous/ Jien u Aħna’ fit-teatru tal-Kavallier ta’ San Ġakbu. Din kienet l-ewwel preżentazzjoni tax-xogħol tagħna għall- pubbliku ġenerali f’Malta. Irċevejna kummenti sbieħ ħafna minn nies li ġew jaraw il-performance.




Bħal issa qiegħdin naħdmu fuq xogħol ġdid li ser nippreżentaw lil pubbliku f’Jannar li ġej. Qiegħdin naħdmu permezz ta’ fondi li rċevejna mill- Premju tal-President għal Kreattivita’ u bis-sapport kontinwu tal-Kavallier ta’ San Ġakbu.





L-Iljun Ikkonvertit
Storja maħsuba minn Steve White u maħduma mal-bqija tal-grupp


L-istorja tagħna tibda fit-tkissir. L-iljuni selvaġġi qed ikissru l-foresta fejn jgħixu. Darba minnhom, iljun jiltaqa’ ma’ żewġ żwiemel li juruh li l-iljuni mhux qed jagħmlu sew. Minn hemm, l-iljun jinbidel mil-lejl għan-nhar.

Wara din il-bidla, l-iljun jibda jgħin biex jinbidlu l-iljuni l-oħra tal-foresta. Imma l-iljun qiegħed fil-għama għall-pjanijiet tal-fjuri u s-serp. Ma jafx bl-għira li jħossu l-iljuni l-oħra għalih.

X’jiġri mill-iljun u sħabu?